|
Performance Management Programme - Ħarsa fil-Qosor
Fl-1994 il-Performance Management Programme ġie
ntrodott għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku Malti biex, b'din is-sistema ġdida
ta' stima tal-operat jew għemil tal-impjegati, jidħol ftit ftit flok il-Performance
Rating Report.
Magħruf aħjar bħala l-PMP, dan huwa metodu biex l-għemil
tal-ħaddiema ikun jista' jiġi stmat fuq pjan ta' xogħol approvat bil-quddiem u
bi standards stabbiliti minn qabel. Il-PMP jimmira wkoll lejn
relazzjonijiet aħjar u iktar mill-viċin fuq il-post tax-xogħol bejn l-impjegati
u ta' fuqhom.
Is-sistema tibbaża fuq l-iżvilupp ta' pjanijiet
individwali ta' xogħol bi qbil kemm jista' ikun reciproku bejn l-impjegati u s-Supervisors
tagħhom. Il-PMP joffri l-opportunita' lill-ħaddiema li jkunu jafu kif
sejrin fuq ix-xogħol tagħhom matul il-perijodu ta' validita' tad-dokument tal-
PMP, li normalment ikun ta' sena. Is-sistema l-ġdida tgħin biex jonqsu l-iżbalji
u l-ħela ta' żmien u riżorsi. Il-PMP jikkontribwixxi wkoll lejn iżjed
produttivita', kwalita' aħjar ta' servizz lill-klijent kif ukoll jagħti lok għal
iktar motivazzjoni, impenn u dedikazzjoni minn naħa ta' l-impjegat.
Il-Performance Management Programme jgħin ukoll biex
jinħolqu dibattiti fuq kif jiġi ppjanat l-operat ta' kull impjegat u r-rabta
bejn il-pjanijiet tal-Gvern u x-xogħol ta' kuljum ta' kull individwu.
Bil-proċess tal-PMP jiġu wkoll identifikati l-oqsma li fihom l-impjegat
ikun jeħtieġ taħriġ biex jaqdi dmirijietu aħjar.
Jekk jingħata l-attenzjoni u mportanza li tixraqlu, il- PMP
għandu jkun biċċa għodda utili f'idejn min iħaddem biex jieħu xogħol aħjar u
jevita sitwazzjonijiet ta' paniku jew management by crisis. Jikber ukoll
iċ-ċans li jintlaħqu l-għanijiet tad-Dipartiment kif jidhru fil- Business
Plans u l-Performance Agreements
ta' min imexxi. Ix-xogħol jitlesta iktar fil-ħin u fejn ikun hemm prijorita',
jiġi ndirizzat iżjed malajr. Bil-PMP, igawdi wkoll l-element ta'
kommunikazzjoni bejn min iqassam ix-xogħol u min irid jagħmlu.
|