| |
Ftehim dwar il-Klassifikazzjoni u r- Regrading ta' l-Impjegati fis-Servizz Pubbliku Malti
Bejn l-1989 u l-1990, wieħed mill-għanijiet prinċipali
tal-Kummissjoni għar-Riforma fis-Servizz Pubbliku (PSRC) kien li teżamina
l-organizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku u tagħmel rakkomandazzjonijiet fuq kif
is-Servizz ikun jista' effettivament jirrispondi għall- ħtiġijiet ta' bidla li
xtaq il-Gvern. Kien hemm ukoll il-bżonn ta' eżerċizzju biex tinħoloq struttura
ġdida tal- gradi fis-Servizz Pubbliku, li dak iż-żmien in-numru tagħhom kien
jaqbeż il-500, kif ukoll jitnaqqsu id-diversi skali fis-salarji li kienu madwar
86.
Il-Management & Personnel Office (MPO)
ingħata r-responsabbilta' tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tal-Kummissjoni. Fit-twettiq ta' dan l-eżerċizzju, l-MPO daħal
f'negozjati mal-Unions li jirrappreżentaw l-impjegati fis-Servizz Pubbliku fejn
ġew diskussi u ntrodotti:
-
Struttura ġdida ta' salarji għas-Servizz Pubbliku magħmula
minn għoxrin skala
-
Klassifikazzjoni ġdida ta' l-impjegati f'numru ta' setturi
differenti skond il-klassi tal-impjegati
-
Reviżjoni tas-salarji jew pagi b'rabta max-xogħol li jesiġi
kull grad. Regolamenti u proċeduri ġodda ta' reklutaġġ f'kull grad, b'sistema
ta' avvanz fil-karriera għal kull klassi ta' impjegat
-
Fażi oħra mportanti f'dan l-eżerċizzju kienet
l-introduzzjoni tal-prinċipju ta' promozzjoni bbażata fuq mertu. Is-sistemi ta'
reklutaġġ u promozzjonijiet li kien hemm qabel fuq bażi ta' anzjanita' instabu
li kienu pjuttost antikwati u nstab li ma kienux jgħinu f'dak li hu 'management'
effettiv u effiċjenti.
L-impjegati tas-Servizz Pubbliku huma miġbura fi strutturi skond il-klassi
jew settur li jaqgħu taħtu. Hawn taħt jidhru xi wħud mill-kategoriji prinċipali:
-
Klassi Periti u Inġiniera Ċivili
-
Klassi Impjegati tad-Dwana
-
Klassi Infermiera u Paramediċi
Kull Ftehim li ntlaħaq ma' l-Unions jiġbor fih:
-
Struttura ġdida ta' salarji għal dik il-klassi ta' impjegati
li dwarha sar il-Ftehim
-
Il-kwalifiki meħtieġa għall-ingaġġ f'kull grad li jidher
fil-Ftehim
-
X' jeħtieġ impjegat biex javvanza fil-karriera
-
Tifsira ta' allowances u benefiċċji addizzjonali
-
Provvedimenti oħra għall-impjegati fis-servizz fid-data ta'
l-iffirmar tal-Ftehim
|