Dixxiplina
Setgħa Dixxiplinarja
Artiklu 110 (1) tal-Kostituzzjoni ta' Malta jipprovdi li s-setgħa biex jeżerċita kontroll dixxiplinarju fuq persuni li jaġixxu f'karigi
pubbliċi tkun fil-Prim Ministru, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. L-istess Artiklu jipprovdi li l-Prim Ministru jista' jiddelega din is-setgħa.
Delega ta' awtorita' tad-dixxiplina
L-aħħar delega ta' awtorita' ngħatat permezz ta' l-Istrument ta' Delega datat 1 ta' Novembru 1999 (Avviż tal-Gvern Nru 831 tal-1999, ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 16,861
tal-5 ta' Novembru 1999). Id-delega ta' l-awtorita' rreteniet ċerti poteri li ngħataw lill-Kummissarju tal-Pulizija u lid-Direttur tas-Servizzi Korrettivi u tkun eżerċitata skond ir-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) (Avviż Legali Nru. 186/99).
Id-Delega u r-Regolamenti ġew fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2000.
Ir-Regolamenti tad-Dixxiplina
Ir-Regolamenti tad-Dixxiplina attwali jagħtu lill-Kapijiet tad-Dipartimenti iżjed poteri dixxiplinarji. Fost affarijiet oħra, ir-Regolamenti jipprovdu mezzi sabiex jitħaffef l-ipproċessar tal-każijiet tad-dixxiplina kif ukoll skeda ta' penali li għandhom jiġu applikati
għar-rigward ta' offiżi minuri u serji, li jinkludu tkeċċija ta' mpjegati li jkunu nstabu ħatja ta' erba' offiżi f'perjodu ta' 24 xahar. Dan huwa bilanċjat b'salvagwardji proċedurali, li jinkludu investigazzjoni minn Bord tad-Dixxiplina ndependenti, id-dritt tal-impjegat li jappella lill-Kummissjoni
dwar is-Servizz Pubbliku, iż-żamma tal-poter tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li tkeċċi u l-possibilta' li tirtira d-delega f'każijiet ta' abbuż jew użu ħażin tad-delega mogħtija.
Ir-Rwol tal-MPO
Għalkemm l-MPO m'għadux iżjed involut direttament fil-proċess dixxiplinarju, dan l-Uffiċċju għad baqgħalu rwol importanti li jassigura li r-Regolamenti qed jiġu applikati sewwa mid-Dipartimenti u li d-Delega qed tiġi mħaddma b'responsabbilta'. Għal dan il-għan l-MPO joffri
pariri, taħrig u materjal informattiv lid-Dipartimenti.
Punti Ewlenin
Dawn huma l-punti ewlenin tar-Regolamenti tad-Dixxiplina
-
Il-poter tad-dixxiplina ġie delegat lill-Kapijiet tad-Dipartimenti kollha sabiex joħorġu l-akkużi, jaħtru Bord tad-Dixxiplina ndipendenti li jisma' l-każ, u jagħtu l-penali, ħlief dik ta' tkeċċija.
-
Uffiċjal għandu l-poter li jċanfar uffiċjal ieħor li huwa responsabbli għalih u li jżomm rekord ta' din iċ-ċanfira li titħassar sitt xhur wara li tkun ingħatat. Għandu jsir rapport lill-Kap tad-Dipartiment jekk l-uffiċjal jiġi mċanfar fi tlett okkażżjonijiet f'sitt xhur.
-
Kap ta' Dipartiment jista' jagħti twissija bil-miktub lill-uffiċjal li jkun responsabbli għalih wara li jkun tah l-opportunita' biex jirrispondi. Din it-twissija bil-miktub titħassar wara tnax-il xahar
-
Uffiċjal għandu jirraporta lill-Kap tad-Dipartiment tiegħu kull offiża li ssir minn xi uffiċjal li tiegħu hu responsabbli mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' xogħol wara li jsir jaf bl-offiża.
-
Uffiċjal akkużat jista' jagħmel petizzjoni lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jekk ikollu oġġezzjoni serja kontra xi membru tal-Bord tad-Dixxiplina li jista' jkun ippreġudikat kontrieh.
-
Kemm l-uffiċjal akkużat kif ukoll il-Kap tad-Dipartiment jistgħu jkunu assistiti jew rappreżentati quddiem il-Bord tad-Dixxiplina minn xi persuna tax-xewqa tagħhom.
-
Uffiċjal akkużat għandu jkollu aċċess għal kull evidenza dokumentata li tkun se tintuża kontrieh u għandu dritt li jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tiegħu fuq il-konklużjonijiet tal-Bord tad-Dixxiplina
lill-Kap tad-Dipartiment jew lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku f'każijiet li jwasslu għall-tkeċċija.
-
Kull uffiċjal jista' jappella lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fuq il-penali mogħtija mill-Kap tad-Dipartiment fil-każijiet serji kollha, fil-każijiet fejn tkun ingħatat twissija ta' tkeċċija u fil-każijiet kollha fejn
ikun hemm nuqqas serju ta' osservanza tal-proċeduri li ppreġudika il-każ.
-
Fid-dikjarazzjoni ta' l-akkuża jrid jiġi ndikat jekk il-każ jkunx wieħed minuri, gravi jew li jista' jwassal għat-tkeċċija. Il-penali jingħataw skond il-livell tal-każ.
-
Il-penali għal-reati żgħar huma:
a) L-ewwel każ: Twiddiba bil-miktub (tiskadi wara tnax-il xahar jekk ma jsir ebda reat ieħor)
b) It-tieni każ: Sospensjoni bla paga sa tlett ijiem
c) It-tielet każ: Sospensjoni bla paga sa ħamest ijiem u twissija ta' tkeċċija
d) Ir-raba' każ: Tkeċċija
M'għandhomx jitqiesu każijiet li jkunu saru qabel 24 xahar mid-data tal-każ li jkun qed jiġi nvestigat.
Il-penali għal reati gravi huma:
a) Sospensjoni bla paga sa ħamest ijiem
b) Sospensjoni bla paga sa ħamest ijiem u twissija ta' tkeċċija
c) Tkeċċija
Il-penali (b) ma tistax tingħata fuq iktar minn żewġ każi dixxiplinarji gravi.
Uffiċjal li jassenti ruħu mingħajr leave għal perjodu ta' għaxart ijiem konsekuttivi jiġi kkunsidrat bħala li jkun irriżenja mis-Servizz Pubbliku
b'effett mill-ħdax-il ġurnata wara li jkun notifikat u ma jkunx ta ebda raġuni li tiġġustifika l-assenza tiegħu.
|